BCRS Malta ssaħħaħ il-kampanja edukattiva tagħha tar-riċiklaġġ tal-kontenituri tax-xorb mal-pajjiż kollu

10 ta' Ottubru 2022

BCRS Malta Ltd., l-operatur liċenzjat tal-Iskema nazzjonali ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb, saħħet il-kampanja edukattiva tagħha madwar Malta u Għawdex bl-għan li teduka lill-pubbliku u lin-negozji dwar kif għandhom jipparteċipaw fir-riċiklaġġ ta’ kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss u li jiffurmaw parti minn l-iskema. L-għan tal-kampanja huwa li tiffamiljarizza lill-pubbliku mal-użu tar-Reverse Vending Machines (RVMs) li jinsabu madwar il-Gżejjer Maltin u li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom biex jinġabru u jkunu riċiklati sa 90% tal-kontenituri kollha tax-xorb li jintużaw darba biss sal-2026. L-operatur li qed jopera fuq bażi mhux għall-profitt u li huwa proprjetà tal-Malta Beverage Producers Association, il-Malta Beverage Importers Association u l-Malta Beverage Retailers Association, liema assoċjazzjonijiet permezz tal-istatuti rispettivi tagħhom qed jiżguraw rappreżentanza kemm ta’ operaturi ekonomiċi kbar kif ukoll żgħar, se jkun qed jagħlaq effettivament iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ fliexken u bottijiet tax-xorb li jintużaw darba biss magħmula mill-plastik, metall u ħġieġ ibbażati fuq il-prinċipji tal-Ekonomija Ċirkolari, f’konformità mal-impenji ambjentali Nazzjonali u tal-UE.

Mill-14 ta’ Novembru, depożitu ta’ €0.10ċ se jinżamm bħala ammont separat mill-prezz tax-xorb li huma parti mill-iskema. Id-depożitu jiġi miżjud mill-Produtturi u l-Importaturi lill-bejjiegħa tal-merċa u lill-istabbilimenti tal-catering fl-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa, u jiġi trasferit lil BCRS Malta. Sussegwentement, il-bejjiegħa tal-merċa jitolbu d-depożitu mingħand il-konsumatur. Il-valur tad-depożitu m'għandux ikun soġġett għall-VAT u għandu jkun indikat b'mod ċar bħala ammont separat mill-prezz tax-xarba fuq l-irċevuti u l-fatturi kollha.

Il-konsumaturi jistgħu mbagħad jiksbu r-rifużjoni sħiħa tad-depożiti tagħhom billi jirritornaw il-kontenitur tax-xorb vojt f’wieħed mit-320 BCRS Reverse Vending Machines, installati fis-supermarkets u ħwienet ewlenin tax-xorb, u fi ħdan il-Public Recycling Hubs madwar Malta u Għawdex. Rifużjoni sħiħa tad-depożitu għandha tiġi rritornata lill-konsumaturi permezz ta’ vawċer maħruġ mir-Reverse Vending Machines stess biex dan jitnaqqas mill-kont f’ħwienet tal-merċa fejn jinbiegħ ix-xorb. Il-konsumaturi jistgħu wkoll jagħżlu li jagħtu l-10c bħala donazzjoni lill-karità direttament mill-RVMs.

Fil-każ ta' stabbilimenti tal-catering, id-depożitu għandu jkun miżjud biss meta l-kontenitur tax-xorb jinħareġ mill-istabbiliment mill-konsumatur stess. Meta jiġi kkunsmat fil-post, il-konsumatur m'għandux iħallas id-depożitu u l-istabbiliment għandu jżomm il-kontenituri tax-xorb u għalhekk l-istess stabbiliment ikun jista’ jieħu lura d-depożitu meta dawn il-kontenituri jintbagħtu lura lill-BCRS.

Iċ-Chairperson ta' BCRS Malta Ltd, is-Sur Pierre Fava, qal: "Mill-bidu nett, il-mentalità tagħna kienet li nibdlu sfida f'opportunità. B'dan il-ħsieb, investejna kważi €18-il miljun f'dan il-proġett inkluż il-bini tal-ewwel Clearing Centre u Sorting Plant privat f’Malta b’fondi privati ddedikat għall-iskart tal-kontenituri tax-xorb. Permezz tal-kampanja edukattiva tagħna qed insejħu u nħeġġu lill-pubbliku biex jagħmel użu minn din l-iskema biex tiżgura li Malta timxi lejn mod ta’ għajxien aktar sostenibbli għal kulħadd fil-gżejjer. L-għan tagħna bħala operaturi huwa primarjament il-faċilità ta' aċċess għall-konsumaturi permezz ta' approċċ immexxi mit-teknoloġija. Barra minn hekk, l-RVMs kollha tagħna huma mgħammra bit-teknoloġija tal-Internet of Things li tippermettilna nissorveljaw kontinwament l-infrastruttura u b’hekk naraw li jkollna operat tal-iskema effiċjenti. Pereżempju dan jipprovdi lill-kollettur tal-iskart iddedikat tagħna b'viżibilità f'ħin reali tal-kapaċità tal-volum tal-RVMs għall-fini ta’ ġbir."

Bi tħejjija għat-tnedija tal-Iskema nazzjonali ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb, BCRS Malta Ltd kienet strumentali biex tnaqqas l-impatt fuq l-operaturi ekonomiċi kollha, fejn il-miżata oriġinali ta’ €100 ta’ reġistrazzjoni għal kull kontenitur irreġistrat mal-iskema ġiet irrinunzjata bis-sħiħ, bil-BCRS Malta Ltd tassorbi b’mod sħiħ l-ispejjeż amministrattivi relatati. Barra minn hekk, il-kumpanija ħadmet, u se tkompli tilħaq il-komunità tan-negozju u l-partijiet interessati mis-setturi tal-Produtturi, Importaturi, Distributuri, Retail u Catering sabiex tassisti u tiggwidahom fir-reġistrazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskema biex jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom.

Aktar tagħrif jinsab fuq is-sit www.bcrsmalta.mt, wieħed jista’ wkoll iċempel fuq il-helpline 9909 9955